Il-ħidma letterarja ta’ Alfred Sant bdiet fis-sena 1965. Minn dak iż-żmien lil hawn, ippublika drammi, rumanzi u rakkonti bil-Malti u bl-Ingliż.
Alfred Sant’s literary career began in 1965. He has since published several plays, novels and collections of short stories in both Maltese and English.
-
L-Ewwel Weraq tal-Bajtar
Raymond Portelli jħossu fgat mill-mentalitajiet tradizzjonali li jdawruh biex jiddettawlu x’għandu jagħmel – u jinsab inċert dwar xi jrid tassew li jagħmel bih inifsu. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar iqis li m’hemmx postu f’Malta. Jabbanduna l-istudji tiegħu u jitlaq.
-
Bejgħ u Xiri
Imprendituri ġodda żgħażagħ jagħmlu minn kollox biex jaraw kif se jwaqqfu negozji ġodda. Oħrajn li ilhom fil-kummerċ fejn għamlu flus tajba sa ftit ilu, issa jinsabu b’daharhom mal-ħajt. Fi gżira li qed tistinka biex timmodernizza, il-ħajja privata u n-negozju jridu jbaxxu rashom għad-dixxiplina tas-suq ħieles.
-
La Bidu La Tmiem.
Is-sena hi l-1599. Il-Kavalier tal-Ordni ta’ San Ġwann Bernal del Rio jasal lura Malta minn vjaġġ f’Madrid u Palermo. Iżur il-wied tal-Miskat għal btala. Hemm jiltaqa’ mar-raħeb don Frans li qabel wasal f’Ħal-Miskat kien dar mad-dinja kif magħrufa f’dak iż-żmien. Is-seklu 17 qed jistenna li jfeġġ l-ewwel sebħ tal-globablizzazzjoni.
-
L-Għalqa tal-Iskarjota
Ir-raħal minsi ta’ Żnuber inbena fuq il-fdalijiet enormi ta’ ċimiterju tal-Feniċi. Hemm, għadu mistoħbi Potu-Ra, l-avventurier qalil ta’ żmien il-Fargħuni. Bertrand u Bunny bħala preżentaturi magħrufa ta’ serje televiżiva popolari jaffaċċjawh, f’rumanz farsesk u tal-biża’, fejn it-teknoloġija l-aktar moderna titħallat mal-maġija l-aktar qadima.
-
Pupu fil-Baħar
Pupu kbir li qisu kantant fix-xow tal-Black Minstrels, jinstab jitbaħbaħ fl-ilmijiet ta’ madwar marina li għadha kemm inbniet għall-jottijiet. Hekk jibda r-rakkont li jagħti t-titlu tiegħu lil dil-ġabra ta’ stejjer qosra u anqas qosra, dwar dak li jista’ jiġri ta’ kuljum u dak li jista’ jwerwer.ere
-
Bħal f'Dizzjunarju
Il-ħajja tal-awtur Malti Anġlu Debono murija f’episodji mpoġġija flimkien alfabetikament. Wieħed jista’ jaqrahom f’liema ordni jrid. Kien hemm qarrejja li tħawdu b’dan. Iżda int u tiftakar fil-ġrajjiet li għaddejt minnhom tul ħajtek, kemm hu veru li dawn jitqanqlu waħda wara l-oħra fil-memorja tiegħek skont iż-żmien meta seħħew?
-
George Bush f'Malta
L-aqwa investigatur privat ta’ Malta Vonnie B titqabbad mis-CIA Amerikana biex tipprovdi servizzi tas-sigurtà għaż-żjara tal-eks President George Bush. Mill-bidu nett, bħas-soltu, Vonnie tilgħab il-logħba kif hi biss taf tilgħabha, imma xorta ma tistax twaqqaf it-taqliba kbira li bidlet għal dejjem l-inħawi ċentrali u l-kosta ta’ Malta.
-
Ċpar
Stejjer qosra li jħallu barra parti kbira tal-istorja... u għalhekk, iċ-ċpar donnu jsir tema rikorrenti. Meta l-personaġġi jaħsbu li rnexxielhom jifhmu x’kienet il-fasla ta’ ħajjithom, bħalma jiġri lil sħab Tumas ta’ Akwinu, imlaqqam il-Gendus, ikun tard wisq.
-
Western
Għaxar rakkonti li jixbhu lil dawk fi Ċpar, fejn l-istorja li tagħti l-isem lill-ktieb tippreżenta kronaka ta’ kif emigrant Malti jasal fil-Far West Amerikan fit-tieni nofs tas-seklu dsatax. U kif ħejja vendetta spettakolari bi tpattija talli ġie ttrattat ta’ bhima.